April 2015

Matul żmien il-Għid aħna ngħixu mill-ġdid l-esperjenza tal-ewwel komunita nisranija. Il-Knisja titwieled mill-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu. Fil-bidu, il-komunita tad-dixxipli tfittex lil Ġesu ħdejn il-qabar, imma tagħrfu ferħana fil-qsim tal-ħobż.

Marija ta’ Magdala tirrapreżenta l-komunita li għadha ma tistax tifhem l-mewt ta’ Ġesu. Għadha mifxula, ma tafx fejn taqbad tagħti rasha. Tmur tfittex ħdejn il-qabar, il-post tal-mejtin. Quddiem il-qabar vojt, titkellem f’isem il-komunita tad-dixxipli: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar u ma nafux fejn qegħduh”. Tirrapreżenta lil dawk kollha li jaħsbu li l-qabar hu l-post fejn il-proġett ta’ Alla tfarrak u falla.

“Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni, kif kien għadu d-dlam”. Kien ġa beda l-jum tal-ħolqien il-ġdid, imma għal Marija ta’ Magdala kien għadu d-dlam, kien għadu bil-lejl. Il-lejl, id-dlam, jirrapreżenta d-dinja li ma emmnitx f’Ġesu. Il-komunita nisranija tfittex anzjuża biex issib il-ħajja u l-imħabba, imma xi kultant tfittixhom fejn ma tistax issibhom.

Marija ta’ Magdala tiltaqa’ ma’ Pietru u Ġwanni u tgħidilhom li l-qabar tal-imgħallem tagħhom huwa vojt.  Pietru u Ġwanni jitilqu jiġru lejn il-qabar. Dawn ukoll jirrapreżentaw il-komunita mifxula. It-tnejn ġrew lejn il-qabar, imma d-dixxiplu l-maħbub (Ġwanni) ħaffef aktar minn Pietru u wasal qablu. Ġwanni tbaxxa u ra l-faxex tal-għażel mixħutin hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Pietru, daħal fil-qabar, ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm u l-maktur li kien madwar rasu.

Ġrat xi ħaġa li qatt ma nstemgħet. Imma kien Ġwanni biss li seta’ jifimha u jemminha. Fuq Ġwanni l-Evanġelju jgħidilna: “Imbagħad daħal id-dixxiplu l-maħbub, ra, u emmen”. Nikbru fil-fidi skont kemm inkunu intimi ma’ Ġesu. Ġwanni huwa d-dixxiplu li kien qrib ta’ Ġesu fl-Aħħar Ikla, fil-ħin tal-kundanna tiegħu u sal-mewt tas-salib.

Fit-triq lejn Għemmaws, iż-żewġ dixxipli juruna biċ-ċar kif kienet tinsab l-ewwel komunita dakinhar: imbeżżgħa, mifxula, imxerrda, bla direzzjoni, bla tama u bla messaġġ. Imma Ġesu Rxoxt jersaq lejlhom u jimxi magħhom, ifissrilhom l-Iskrittura, iħeġġilhom qalbhom u jiftħilhom għajnejhom biex jagħrfuh fil-qsim tal-ħobż u fl-għaqda ta’ bejniethom. Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalem u lil sħabhom tawhom l-aħbar li kienu ltaqgħu mal-Mulej.

Ġesu ħall l-irbit tal-mewt. Huwa ħaj. Imiss lilna li nxandru din ir-rebħa lil kulħadd u ngħixuha. Ġesu rebħilna l-ħelsien mid-dnub. Imma rridu nkunu aħna li ngħixu ħielsa mid-dnub u kollna tama fih nimxu warajh. L-Għid it-tajjeb lil kulħadd.

Fr Lino