Awwissu 2015

assumption-of-the-virgin-1580

Fil-Verġni Marija mtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem, nilmħu lil Alla ilibbes lill-bniedem b’dik is-sbuħija li biha kien żejnu fil-ġnien tal-Għeden. Il-festa tal-Assunta għandha messaġġ qawwi li jgħin lill-bniedem jagħraf li hu maħluq xbieha ta’ Alla. Meta Ommna Marija telgħet fis-sema bir-ruħ u l-ġisem, fil-persuna ta’ Marija t-Trinità Qaddisa kienet qed tilqa’ lill-bniedem sħiħ u lil kull bniedem. Għax Alla ħalaq il-bniedem “xbieha tiegħu” biex jgħix għal dejjem. Bil-qawwa ta’ Kristu Feddej il-bniedem jista’ jipparteċipa minn din ir-rebħa assoluta fuq il-mewt u jgħix għal dejjem.

Jekk Alla huwa sabiħ, il-bniedem maħluq xbieha tiegħu suppost jirrifletti dak il-ġmiel ta’ Alla u dik l-armonija li hemm f’Alla. Imma l-bniedem fid-dgħufija tiegħu jirribella kontra Alla u jitfa’ wara spallejh dak il-ġmiel biex ixidd libsa oħra: natura umana mwaqqgħa fid-dnub. Ta’ spiss, il-bniedem jagħżel illi jmur kontra l-proġett u r-rieda ta’ Alla.

L-esperjenza rrakkontata fil-Ġenesi mhix esperjeza limitata għal Adam u Eva biss. Tista’ tkun l-esperjenza tagħna lkoll. Il-libertà li żejjinna biha Alla nistgħu nużawha ħażin. Nistgħu nirribellaw kontra l-ħsieb u l-proġetti ta’ Alla. Jekk nagħmlu din l-għażla, inkunu qegħdin ninżgħu l-ġmiel u niċċappsu bit-tebgħa tad-dnub. Id-dnub huwa kull kruha li hemm fil-ħajja individwali, fil-ħajja tal-familja, fil-ħajja soċjali u fil-ħajja tal-Knisja.

Fl-Għeden il-bniedem mhux biss neża’ l-ġmiel li libbsu Alla, imma neżża’ wkoll lil ħutu l-bnedmin. Kajjin neħħa l-ħajja ta’ ħuh Abel u għamel ġerħa lill-familja tiegħu. Il-ġmiel jirrifletti ruħu meta hemm ħajja komunitarja, meta hemm l-għaqda bejn l-aħwa. Meta l-ispirtu komunitarju fil-ħajja soċjali, familjari u fil-ħajja tal-komunità nisranija jkun imkisser, dan ikun ta’ dannu serju hafna, għaliex inkunu qegħdin intebbgħu l-ġmiel tal-poplu ta’ Alla – inkunu qegħdin ninżgħu minn dan is-sebħ ta’ Alla li jidher b’mod qawwi fl-Assunta.

Nixtieq nieħu l-okkażjoni tal-festa tagħna biex minn qalbi nirringrazzja lis-saċerdoti li jagħtu s-servizz tagħhom fil-parroċċa tagħna. Irrid ngħid grazzi kbira lil dawk kollha li, min f’qasam u min f’ieħor, jgħinuna fil-ħidma pastorali. Għandna wkoll persuni, fosthom ħafna anzjani u morda, li jitolbu kuljum għall-komunità tagħna u għall-ħidma li titwettaq fil-parroċċa. Anke lil dawn nixtieq ngħidilhom grazzi minn qalbi u nwegħidhom it-talb tiegħi.

Irrid nirringrazzja ħafna lil dawk kollha li jagħtu xi servizz fil-knisja jew fil-gruppi u l-kummissjonijiet tagħna. Grazzi wkoll lil dawk li jgħinu l-komunità tagħna billi jagħmlu xogħlijiet ta’ siwi kbir is-sena kollha. Grazzi lill-benefatturi kollha. Minn qalbi nixtieq festa ta’ ferħ u paċi lil kulħadd. Ġesù jbierek lilkom u l-familji tagħkom.