Novembru 2014

Aħna maħluqin għall-Ħajja ta’ Dejjem. In-nisrani huwa bniedem li għandu ħila jistenna; huwa jemmen li għad jiltaqa’ mal-Mulej Alla u jgħix miegħu għal dejjem. L-ulied posthom mhux fit-trab imma fi ħdan missierhom. In-nisrani jemmen li l-ħajja tiegħu ma tispiċċax bil-mewt tal-ġisem. Alla żera’ f’qalbna xewqat sbieħ ta’ hena, imħabba u paċi. Possibbli dawn ix-xewqat hekk kbar se jispiċċaw fix-xejn? Żgur li le. Alla ma jidħakx bina. Aħna ser inkunu fejn marru Ġesù u Marija qabilna.

Il-ħajja, minkejja tbatijiet kbar, mhijiex traġedja. Kull meta nara tifel jilgħaq ġelat bil-qalb, jew kull meta nara omm tifraħ bit-tarbija tagħha, jew kull meta nara raġel iżiegħel b’martu, nara f’dawn ix-xeni ħjiel tal-ferħ safi u dejjiemi li hemm lest għall-bniedem li jemmen. Il-ħajja tagħna għandha skop li ma jispiċċax mal-mewt ta’ ġisimna. Aħna maħluqin biex ingawdu lil Alla fl-eternita.

Ħafna nies ixandru ħajja bla futur u jgħixu biss għad-dinja u għall-pjaċiri tagħha; imma n-nisrani jgħix b’ħarstu fuq il-Ħajja ta’ Dejjem. Meta f’ħajjitna fuq l-art ikollna ħarsitna fuq il-Ġenna, ngħixu ħajja tajba li tferraħna u tressaqna lejn Alla. Il-fidi nisranija turina li quddiem Alla dak li jgħodd mhux x’għandek imma x’int. Dak li jgħodd quddiem Alla huwa kif qed tgħix ħajtek.

Għad ikollna r-rebħa tat-tama fuq id-dwejjaq, ir-rebħa tas-sliem fuq l-ansjetà. Għad ikollna r-rebħa tal-ferħ u tas-sbuħija fuq meta nħossuna mxebbgħa u ddiżgustati, ir-rebħa tal-komunjoni fuq l-individwaliżmu. Għad ikollna r-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt. Xi ħadd jista’ jgħid li dan huwa kollu kliem sabiħ, iżda kliem fl-arja. Mhuwiex hekk għax dan kollu ġa seħħ f’Marija, li ġiet imtellgħa s-Sema bir-ruħ u bil-ġisem. Kulma tgawdi Marija Santissima huwa frott tal-ħniena u tal-kobor ta’ Alla, u huwa d-destin ta’ kull min jemmen.

Matul dan ix-xahar ta’ Novembru nitolbu għall-għeżież mejtin tagħna u nitolbu lil Alla jimliena bit-tama hienja tal-Ħajja ta’ Dejjem.

Fr Lino